Skip to main content

Il-kwalifiki huma l-eżitu formali ta’ proċess ta’ valutazzjoni u validazzjoni li jinkiseb meta korp kompetenti jiddetermina li individwu jkun kiseb l-eżiti tal-apprendiment sa standards partikolari.

Issa l-informazzjoni dwar il-kwalifiki fil-livell Ewropew tintwera fil-Europass, u tiġi minn bażijiet tad-data ta’ kwalifiki nazzjonali li jirriflettu l-Oqfsa Nazzjonali tal-Kwalifiki li huma proprjetà tal-Istati Membri Ewropej u li huma ġestiti minnhom. Il-Europass joffri l-iktar repożitorju aġġornat u rikk ta’ data ta’ kwalità għolja dwar il-kwalifiki, l-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki u l-opportunitajiet ta’ apprendiment fl-Ewropa, u b’hekk jgħin lil dawk li qed jitgħallmu biex isibu kors f’pajjiż ieħor u lill-impjegaturi biex jifhmu l-valur ta’ kwalifika minn Stat Membru ieħor tal-UE.

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-ESCO hu li jinbnew pontijiet iktar b’saħħithom bejn id-dinja tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u d-dinja tax-xogħol, filwaqt li jingħata kontribut biex jitnaqqas l-ispariġġ fil-ħiliet u jiġi appoġġat il-funzjonament aħjar tas-suq tax-xogħol. Il-viżjoni wara l-ESCO hi l-forniment ta’ lingwa ta’ referenza komuni li tista’ tappoġġa t-trasparenza, it-traduzzjoni, it-tqabbil, l-identifikazzjoni u l-analiżi tal-kontenut ta’ kwalifika, u b’hekk tkun ta’ għajnuna biex jiġi indikat kif dawk huma relatati mal-ħiliet u mal-impjiegi meħtieġa fost l-impjiegi u s-setturi kollha. L-ESCO tagħmel dan b’diversi modi.

L-ESCO tappoġġa d-deskrizzjoni u l-fehim tal-eżiti tal-apprendiment ta’ kwalifika

Terminoloġija tas-suq tax-xogħol li tista’ tgħin biex wieħed jifhem liema impjiegi u ħiliet huma relatati ma’ kwalifika partikolari tippermetti lil dawk li qed jitgħallmu, lil dawk li qed ifittxu impjieg u lill-impjegaturi biex jużaw din l-informazzjoni bl-aqwa mod: L-ESCO tissodisfa din il-ħtieġa billi tipprovdi vokabularju tal-ħiliet u tal-impjiegi aġġornat, ibbażat fuq l-evidenza, u multilingwi.

L-ESCO tappoġġa s-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fil-bidla lejn eżiti tal-apprendiment li jaqdu aħjar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. L-organizzazzjonijiet li jipprovdu d-data dwar il-kwalifiki jistgħu jużaw l-ESCO għall-annotazzjoni tad-deskrizzjonijiet tal-eżiti tal-apprendiment bit-terminoloġija tal-ħiliet, filwaqt li jintegraw kunċetti ta’ għarfien, ta’ ħiliet u ta’ kompetenzi li jikkorrispondu mad-deskrizzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tal-kwalifika. Dan jgħin lill-istituzzjonijiet tal-apprendiment jesprimu l-eżiti tal-apprendiment tagħhom b’mod li jiffaċilita l-fehim tal-kwalifiki tagħhom mill-atturi tas-suq tax-xogħol, u jattiraw lil dawk li qed jitgħallmu fil-pajjiż u lil hinn mill-fruntieri.

L-ESCO tintuża wkoll biex tinġabar u tiġi analizzata d-data dwar ix-xejriet tal-ħiliet madwar l-Ewropa u jiġu sfruttati l-possibbiltajiet offruti mit-tekniki tal-analiżi tal-big data. Ir-riżultati tal-proġetti tal-informazzjoni dwar il-ħiliet huma appoġġ u sors ta’ informazzjoni importanti għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ li jistgħu jgħinuhom jiżviluppaw kurrikuli billi jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ ħiliet emerġenti. 

Fl-2019, il-Kummissjoni Ewropea ggwidat proġett pilota mal-Istati Membri sabiex jiġi ttestjat il-kollegament awtomatizzat tal-eżiti tal-apprendiment tal-kwalifiki mal-ħiliet tal-ESCO b’lingwi differenti, u żviluppat għodda apposta tal-IT biex tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali f’dan l-eżerċizzju. Il-proġett wera kemm jiswa l-użu tat-teżawru tal-ħiliet tal-ESCO biex jiġu pprovduti t-trasparenza tal-kwalifiki u kwalità aħjar tad-data dwar l-eżiti tal-apprendiment individwali.

L-ESCO ssaħħaħ is-servizzi ta’ gwida personalizzati/diġitali għall-karrieri

Il-ħiliet u l-impjiegi tal-ESCO jistgħu jintużaw biex jagħtu suġġerimenti ta’ opportunitajiet ta’ apprendiment u ta’ taħriġ imfassla apposta għalihom lil dawk li qed ifittxu x-xogħol u lil dawk li qed jitgħallmu. Il-pjattaformi diġitali jistgħu jużaw l-ESCO biex jipprovdu l-informazzjoni liċ-ċittadini dwar l-opportunitajiet ta’ apprendiment, jissuġġerixxu l-korsijiet, jiżviluppaw l-opportunitajiet ta’ taħriġ imfassla apposta għalihom u jirrakkomandaw perkorsi ta’ apprendiment ibbażati fuq il-ħiliet tan-nies. Il-fornituri ta’ gwida għall-karrieri jistgħu jużaw l-ESCO biex jipprovdu servizzi ta’ gwida u biex jirrakkomandaw taħriġ adegwat ibbażat fuq is-sett ta’ ħiliet u l-aspirazzjonijiet tal-karriera ta’ individwu.

L-ESCO tappoġġa l-validazzjoni tal-apprendiment informali u mhux formali

L-ESCO tista’ tintuża għall-validazzjoni tal-apprendiment informali u mhux formali. L-eżiti tal-apprendiment ċari u dettaljati li huma pprovduti permezz tal-ESCO jistgħu jintużaw biex jidentifikaw, jiddokumentaw, jivvalutaw u jiċċertifikaw il-ħiliet u l-esperjenza li individwu jkun kiseb permezz ta’ apprendiment informali jew mhux formali. 

L-organizzazzjonijiet jistgħu jużaw l-ESCO biex jidentifikaw il-ħiliet żviluppati f’attività partikolari. Barra minn hekk, ladarba tiġi konkluża l-attività ta’ apprendiment fi proġett partikolari, dak li qed jitgħallem jista’ jirċievi forma ta’ ċertifikazzjoni, pereżempju badge miftuħa, li tikkollega l-ħiliet ta’ dawk li qed jitgħallmu ma’ terminoloġija standard u li tappoġġa l-validazzjoni tal-kisbiet ta’ apprendiment informali u mhux formali. Imbagħad, il-badges jistgħu jintwerew lill-impjegaturi potenzjali u lil nies oħra bħala rekords verifikabbli ta’ apprendiment f’portafolli elettroniċi.

https://europa.eu/europass/mt/find-courses