L-ESCO (Ħiliet, Kompetenzi u Impjiegi Ewropej) hija l-klassifikazzjoni multilingwi Ewropea tal-Ħiliet, tal-Kompetenzi u tal-Impjiegi.
Hija taħdem bħal dizzjunarju li jiddeskrivi, jidentifika u jikklassifika l-impjiegi u l-ħiliet professjonali rilevanti għas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE. Dawk il-kunċetti u r-relazzjonijiet bejniethom jistgħu jinftiehmu mis-sistemi elettroniċi, u għalhekk pjattaformi online differenti jistgħu jużaw l-ESCO biex jipprovdu servizzi fosthom li jlaqqgħu l-impjieg ma’ persuni li qegħdin ifittxu impjieg skont il-ħiliet tagħhom, filwaqt li jissuġġerixxu taħriġ lil persuni li jkunu jixtiequ jġeddu jew itejbu l-ħiliet tagħhom, eċċ.
L-ESCO tipprovdi deskrizzjonijiet ta’ 3,039 impjieg u ta’ 13,939 ħila relatati ma’ dawn l-impjiegi, tradotti f’28 lingwa.
L-ESCO għandha l-għan li tappoġġa l-mobilità okkupazzjonali fl-Ewropa kollha biex ikollna suq tax-xogħol aktar integrat u effiċjenti, billi toffri “lingwa komuni” għall-impjiegi u l-ħiliet li tista’ tintuża minn partijiet ikkonċernati differenti b’rabta ma’ suġġetti relatati mal-impjieg, mal-edukazzjoni u mat-taħriġ.
L-ESCO hija proġett tal-Kummissjoni Ewropea mmexxi mid-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (id-DĠ EMPL). Tinsab fuq portal online u tista’ tiġi kkonsultata mingħajr ħlas. L-ewwel verżjoni sħiħa tagħha (ESCO v1) ġiet ippubblikata fit-28 ta’ Lulju 2017. L-aktar verżjoni reċenti tal-klassifikazzjoni tista’ titniżżel jew tinkiseb mill-API tal-ESCO.