Dan iż-żmien, in-nies saru jibdlu l-impjieg u l-impjegaturi b’mod aktar frekwenti minn qabel, filwaqt li huma meħtieġa ħiliet ġodda b’mod regolari u qiegħda tiżdied il-mobilità ġeografika u okkupazzjonali. Il-pjattaformi tat-talenti online, bħall-job boards u l-media soċjali, qegħdin jibdlu l-mod kif isir ir-reklutaġġ. L-impjegaturi u dawk li jkunu qegħdin ifittxu impjieg saru jużaw l-għodod diġitali aktar minn qabel biex jippubblikaw u japplikaw għal offerti ta’ xogħol jew biex ifittxu u joffru opportunitajiet ta’ taħriġ. Il-kumpaniji u l-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ jeħtieġu informazzjoni ċara u aġġornata dwar il-ħiliet u l-kwalifiki biex ikunu jistgħu jimmaniġġaw aħjar it-talent u jindirizzaw id-diskrepanza fil-ħiliet fil-programmi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ.
Il-kunċetti u d-deskrizzjonijiet tal-ESCO jistgħu jgħinu lin-nies jifhmu:
- Liema għarfien u ħiliet jintalbu normalment b’rabta ma’ xi impjieg speċifiku;
- Liema għarfien, ħiliet u kompetenzi jinkisbu b’riżultat ta’ kwalifika speċifika;
- Liema kwalifiki huma meħtieġa jew ta’ spiss mitluba mill-impjegaturi lil dawk li qegħdin ifittxu xogħol f’impjieg speċifiku.
L-użu tal-kunċetti tal-ESCO jista’ wkoll jiffaċilita t-tranżizzjoni lejn dan is-suq tax-xogħol diġitali li dejjem qed jikber, billi joffri “lingwa komuni” għall-impjiegi u għall-ħiliet ħalli dawn l-għodod diġitali jkunu jistgħu jikkomunikaw u jaħdmu aħjar flimkien.