Skip to main content
Klassifikazzjoni Ewropea ta’ ħiliet/kompetenzi, kwalifiki u impjiegi (ESCO)
Il-kwalifiki huma l-eżitu formali ta’ proċess ta’ assessjar u ta’ validazzjoni minn korp kompetenti li jiddetermina li individwu jkun kiseb l-eżiti tat-tagħlim sa standards partikolari.
 
L-informazzjoni dwar il-kwalifiki fil-livell Ewropew tintwera fil-Europass, u tiġi minn bażijiet tad-data ta’ kwalifiki nazzjonali li jirriflettu l-Oqfsa Nazzjonali tal-Kwalifiki li huma l-proprjetà u mmexxija mill-pajjiżi tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK). L-Europass joffri l-aktar repożitorju aġġornat u rikk ta’ data ta’ kwalità għolja dwar il-kwalifiki, l-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki u l-opportunitajiet tat-tagħlim fl-Ewropa. Dan għandu rwol kruċjali biex jgħin lill-istudenti jsibu kors f’pajjiżi differenti u jippermetti lil min iħaddem u lil oħrajn (eż. korpi tar-rikonoxximent, fornituri tal-edukazzjoni/tat-taħriġ) jifhmu l-valur tal-kwalifiki minn pajjiżi Ewropej differenti.
 
Waħda mill-missjonijiet primarji tal-ESCO hija li tibni rabtiet aktar b’saħħithom bejn id-dinja tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u d-dinja tax-xogħol. Din għandha l-għan li tnaqqas l-ispariġġi fil-ħiliet u tappoġġa l-funzjonament aħjar tas-suq tax-xogħol. Fil-qalba tal-viżjoni tal-ESCO hemm il-forniment ta’ lingwa ta’ referenza komuni li tista’ tappoġġa t-trasparenza, it-traduzzjoni, it-tqabbil, l-identifikazzjoni u l-analiżi tal-kontenut tal-kwalifiki. L-għan ta’ dan kollu hu li jintwera kif il-kwalifiki jirrelataw mal-ħiliet u mal-impjiegi mitluba f’setturi differenti u mal-ħiliet meħtieġa f’diversi impjiegi.
 
L-ESCO tappoġġa d-deskrizzjoni u l-fehim tal-eżiti tat-tagħlim ta’ kwalifika
 
Billi toffri terminoloġija tas-suq tax-xogħol li tista’ tgħin biex tqabbel kwalifika ma’ impjiegi u ma’ ħiliet rilevanti, l-ESCO tippermetti lill-istudenti, lill-persuni li jkunu qed ifittxu impjieg u lil min iħaddem jużaw din l-informazzjoni b’mod effettiv. L-ESCO tissodisfa din il-ħtieġa billi tipprovdi vokabularju tal-ħiliet u tal-impjiegi aġġornat, ibbażat fuq l-evidenza, u multilingwi.
 
L-ESCO tappoġġa s-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fil-bidla lejn eżiti tat-tagħlim li jaqdu aħjar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. L-organizzazzjonijiet li jipprovdu d-data dwar il-kwalifiki jistgħu jużaw l-ESCO biex jarrikkixxu d-deskrizzjonijiet tal-eżiti tat-tagħlim b’terminoloġija relatata mal-ħiliet. Din l-integrazzjoni ta’ kunċetti tal-għarfien, tal-ħiliet u tal-kompetenzi fid-deskritturi tal-eżiti tat-tagħlim tissimplifika l-fehim tal-kwalifiki mill-partijiet ikkonċernati tas-suq tax-xogħol u tgħin biex tattira studenti kemm mill-Istati Membri kif ukoll minn bejn il-fruntieri.
 
L-ESCO tintuża wkoll biex tinġabar u tiġi analizzata d-data dwar ix-xejriet tal-ħiliet fl-Ewropa kollha u biex jiġu sfruttati l-possibbiltajiet offruti mit-tekniki tal-analiżi tal-big data. Ir-riżultati tal-proġetti tal-informazzjoni dwar il-ħiliet huma appoġġ u sors ta’ informazzjoni importanti għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, għax jistgħu jgħinuhom jiżviluppaw kurrikuli billi jqisu l-ħtiġijiet tal-ħiliet emerġenti.
 
Fl-2019, il-Kummissjoni Ewropea bdiet proġett pilota mal-Istati Membri biex tittestja r-rabta awtomatizzata tal-eżiti tat-tagħlim tal-kwalifiki mal-ħiliet tal-ESCO b’lingwi differenti. Dan l-isforz wassal għall-iżvilupp ta’ għodda tal-IT apposta biex tassisti lill-awtoritajiet nazzjonali f’dan l-eżerċizzju. Il-proġett wera l-valur tal-użu tal-klassifikazzjoni tal-ħiliet tal-ESCO biex tiġi pprovduta t-trasparenza tal-kwalifiki u tittejjeb il-kwalità tad-data dwar l-eżiti tat-tagħlim individwali tal-kwalifiki.
 
L-ESCO ssaħħaħ il-perkorsi personalizzati tat-tagħlim u tappoġġa s-servizzi ta’ gwida għall-karriera
 
Billi jisfruttaw id-data dwar il-ħiliet u l-impjiegi tal-ESCO, dawk li qed ifittxu impjieg u l-istudenti jistgħu jirċievu suġġerimenti personalizzati relatati ma’ opportunitajiet ta’ tagħlim. Il-pjattaformi diġitali jistgħu jużaw l-ESCO biex jipprovdu informazzjoni liċ-ċittadini dwar l-opportunitajiet tat-tagħlim, jissuġġerixxu korsijiet, jiżviluppaw opportunitajiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ personalizzati, u jirrakkomandaw perkorsi tat-tagħlim ibbażati fuq il-ħiliet tan-nies. Il-fornituri ta’ gwida għall-karriera jibbenefikaw mill-ESCO billi joffru servizzi ta’ gwida mmirati u jirrakkomandaw programmi ta’ taħriġ adegwati bbażati fuq is-sett tal-ħiliet u l-aspirazzjonijiet tal-karriera ta’ dak li jkun.
 
L-ESCO tappoġġa l-validazzjoni tat-tagħlim informali u mhux formali
 
L-ESCO tista’ tintuża għall-validazzjoni tat-tagħlim informali u mhux formali. L-eżiti tat-tagħlim ċari u dettaljati li huma pprovduti bl-użu tal-ESCO jistgħu jintużaw biex jidentifikaw, jiddokumentaw, jassessjaw u jiċċertifikaw il-ħiliet u l-esperjenza li individwu jkun kiseb permezz ta’ tagħlim informali jew mhux formali.
 
L-organizzazzjonijiet jistgħu jużaw l-ESCO biex jidentifikaw il-ħiliet żviluppati f’attività partikolari. Fil-futur, l-opportunità ta’ tagħlim jew il-funzjoni tat-tiftix tal-kwalifiki tal-Europass għandhom ikunu jistgħu juru l-ħiliet rilevanti tal-ESCO relatati mal-opportunitajiet ta’ tagħlim u ta’ kwalifiki murija. Barra minn hekk, ladarba tiġi konkluża attività ta’ tagħlim, l-istudent jista’ jirċievi ċertifikazzjoni diġitali, bħal Kredenzjali Diġitali Ewropej għall-Apprendiment.
 
Il-Kredenzjali Diġitali Ewropej għall-Apprendiment huma standard għall-kredenzjali ffirmati b’mod diġitali li jistgħu jkunu relatati ma’ kwalunkwe eżitu tat-tagħlim, kemm jekk jinkiseb permezz ta’ tagħlim formali, mhux formali jew informali. Il-ħiliet tal-ESCO jistgħu jiżdiedu mad-deskrizzjoni tal-eżiti tat-tagħlim. B’dan il-mod, il-kredenzjali jkun fihom aktar informazzjoni u jipprovdu aktar trasparenza dwar l-għarfien u l-ħiliet tal-individwu. Il-kredenzjali diġitali jistgħu jinħażnu f’kartiera diġitali bħall-kartiera tal-portafoll elettroniku tal-Europass u jistgħu jkunu aċċessibbli għal min iħaddem u għal organizzazzjonijiet oħra, bħal fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, bħala rekords verifikabbli tat-tagħlim.