L-ESCO tintuża f’applikazzjonijiet u pjattaformi online
Il-kunċetti tal-ESCO u r-relazzjonijiet bejniethom jistgħu jinftiehmu mis-sistemi elettroniċi. Dan jippermetti lil sistemi u pjattaformi differenti jużaw l-ESCO biex jissuġġerixxu l-aktar impjiegi rilevanti għal persuni li qegħdin ifittxu impjieg skont il-ħiliet tagħhom, jew l-aktar taħriġ rilevanti lil persuni li jkunu jixtiequ jġeddu jew itejbu l-ħiliet tagħhom.
L-ESCO tlaqqa’ n-nies u l-impjiegi
L-ESCO fiha deskrizzjonijiet preċiżi tal-impjiegi u tal-ħiliet li jistgħu jintużaw biex jitħejjew kemm sejħiet għal offerti ta’ xogħol kif ukoll CVs, biex jiġi ffaċilitat it-tqabbil u t-tlaqqigħ. Dan jgħin kemm lill-impjegaturi biex isibu l-aħjar persuna għall-impjiegi tagħhom, kif ukoll lill-persuni li jkunu qegħdin ifittxu impjieg biex isibu l-impjieg it-tajjeb skont il-ħiliet tagħhom.
L-ESCO tgħaqqad ix-xogħol mal-edukazzjoni
Fejn jidħlu l-offerti ta’ xogħol, ir-riċerka, l-analiżijiet tal-big data, eċċ, l-ESCO tgħin lill-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ jifhmu liema ħiliet huma meħtieġa fis-swieq tax-xogħol. B’hekk, dawn ikunu jistgħu jadattaw kif xieraq il-kurrikuli tagħhom u jħejju lill-istudenti tagħhom aħjar għas-swieq tax-xogħol ta’ għada. L-ESCO tgħin ukoll lil impjegaturi potenzjali biex jifhmu aħjar dak li jkunu tgħallmu l-istudenti.
L-ESCO tgħaqqad is-swieq tax-xogħol u tippromwovi l-mobilità
L-ESCO hija disponibbli b’28 lingwa, u tippermetti lil dawk li qed ifittxu impjieg u lill-impjegaturi jikkomunikaw aħjar dwar il-ħiliet, it-taħriġ u l-impjiegi bi kwalunkwe lingwa Ewropea li jagħżlu. Fil-portal EURES u f’ħafna pjattaformi online oħra, l-ESCO tgħin lis-servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi Ewropej biex joffru s-servizzi tagħhom bejn il-fruntieri, b’diversi lingwi, u b’bosta sistemi elettroniċi differenti, ħalli jgħinu aħjar lil dawk li jixtiequ jaħdmu f’pajjiż Ewropew ieħor. Il-video ta’ hawn taħt juri kif l-ESCO tappoġġa lil dawk li qed ifittxu impjieg madwar l-Ewropa.